Kemm jekk int tabib tal-familja, psikologu, infermier jew membru tal-persunal amministrattiv, x’aktarx li fi ħdan il-prattika jew is-servizz tiegħek xi darba tiltaqa’ ma’ persuna trans.
Bil-frażi “persuna trans” nirreferu għall-firxa wiesgħa ta’ tipi differenti ta’ identità u espressjoni tal-ġeneru li huma differenti minn dak assenjat mat-twelid. Ħarsa ġenerali estensiva tat-tipi differenti ta’ identitajiet transġeneru u dawk mhux konformi mal-ġeneru u t-terminoloġija l-aktar użata tista’ tinstab hawn.
F’Malta, il-Gender Wellbeing Clinic toffri kura speċifika għat-transġeneru f’diversi oqsma (bħall- endokrinoloġija, l-appoġġ psikosoċjali, il-kirurġija, il-vuċi, eċċ.). Madankollu hemm aspetti li jista’ jkun importanti biex tingħata attenzjoni żejda għalihom meta tiltaqa’ ma’ pazjenti transġeneru fir-rigward ta’ aspetti ġenerali dwar is-saħħa. Hemm ukoll aspetti li jistgħu jkunu utli għall-professjonisti li jiltaqgħu ma’ persuni trans fil-prattika tagħhom sew waqt li qed jagħtu pariri lil persuni trans infushom, kif wkoll mal-familji u fl-ambjent tagħhom; dan ikun ta’ benefiċċju kemm qabel, waqt u wara tranżizzjoni, jekk dan iseħħ.
Fl-ewwel sentejn mit-twaqqif tal-Gender Wellbeing Clinic bħala parti mis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa li fetaħ il-bibien tiegħu f’Novembru 2018, aktar minn 180 individwu ġew riferuti għas-servizz. Skont id-dispożizzjonijiet legali preċedenti dwar ir-rikonoxximent tal-ġeneru introdotti fl-2004, li kienu jeħtieġu kirurġiji irriversibbli għall-affermazzjoni tal-ġeneru, 21 persuna biddlu s-sess legali tagħhom. Fl-ewwel ħames snin mill-promulgazzjoni tal-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess (CAP 540) tal-2015, aktar minn 125 persuna biddlu l-ġeneru legali tagħhom b’relattivament numri ugwali bejn dawk assenjati rġiel mat-twelid u dawk assenjati nisa. Mill-2017 ‘l hawn sar possibbli wkoll li tintgħażel markatur X fuq id-dokumenti tal-identità bħala rikonoxximent ta’ dawk li ma jidentifikawx mal-binarju tal-ġeneru.