Li jkollok identità transġeneru mhix patoloġija, għalkemm fil-passat dijanjosi bħal transsesswalità jew disturb tal-identità tal-ġeneru kienu jeżistu fis-sistemi ta’ klassifikazzjoni internazzjonali għal disturbi mentali, bħad-DSM u l-ICD. Fid-DSM-5 li qed jintuża bħalissa, id-disforija tal-ġeneru hija inkluża bħala dijanjosi: l-esperjenza ta’ dwejjaq li tista’ tinħoloq b’rabta mal-kunflitt bejn il-ġeneru assenjat mat-twelid u l-identità tal-ġeneru.

Malta ddepatoloġizzat l-identità tal-ġeneru fl-2016 permezz tal-Att LVI tal-2015 li jemenda l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess (CAP 540). L-Artikolu 15(2) ta’ dan l-Att jgħid:

Il-patoloġizzazzjoni ta’ kull forma ta’ orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru u/jew espressjoni tal-ġeneru kif tista’ tiġi kklassifikata taħt il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard jew kwalunkwe klassifikazzjoni oħra simili rikonoxxuta internazzjonalment, tkun nulla u bla effett f’Malta. In-nullità ta’ dan il-klassifikazzjoni m’għandhiex taffettwa b’mod negattiv il-forniment ta’ kwalunkwe servizz tal-kura tas-saħħa relatat mas-sess u/jew mal-ġeneru.

Fl-ICD-11, il-kategoriji relatati mat-trans tneħħew mill-Kapitolu dwar id-Disturbi Mentali u tal-Imġiba, li jfisser li l-identitajiet trans huma formalment de-psiko-patologizzati fl-ICD-11.

Id-disforija bejn il-ġeneru għandha mbagħad pjuttost tiġi interpretata bħala kundizzjoni li wieħed ibati minnha temporanjament, li tista’ tittaffa bit-trattament, mhux bħala disturb psikjatriku. Din l-interpretazzjoni ssegwi l-approwċ tal-Assoċjazzjoni Professjonali Dinjija għas-Saħħa Transġeneru (WPATH, 2012) kif stabbilit fl-Istandards tal-Kura numru 7 tagħha. “Hemm differenza bejn l-identità transġeneru jew in-nuqqas ta’ konformità mal-ġeneru u d-disforja tal-ġeneru. In-nuqqas ta’ konformità mal-ġeneru tirreferi sa liema punt l-identità tal-ġeneru, ir-rwol jew l-espressjoni ta’ persuna jvarjaw min-normi kulturali preskritti għal persuni ta’ ċertu ġeneru. Id-disforija tal-ġeneru tirreferi biss għall-fatt li tbati minn sens ta’ skumdità jew nuqqas ta’ sodisfazzjon ikkawżat mill-inkonsistenza bejn il-ġeneru assenjat mat-twelid u l-identità tal-ġeneru.” (SOC7, p. 5) WPATH tenfasizza wkoll li l-varjazzjoni tal-ġeneru mhijiex patoloġika u għalhekk m’għandhiex tiġi kklassifikata bħala disturb mentali (SOC7, p. 4).

L-individwi jista’ jkollhom identità jew espressjoni varjanti tal-ġeneru mingħajr ma din tkun akkumpanjata minn xi ħtieġa għal trattament jew tmexxija. Meta persuni trans isibu forma ta’ trattament meħtieġa, huwa primarjament maħsub biex inaqqas l-iskumdità tagħhom, iżda t-trattament innifsu jista’ wkoll jiġi interpretat individwalment ħafna. Dak li persuna trans jidhrilha li huwa meħtieġ ivarja ħafna minn persuna għal oħra: xi wħud isibu li hemm bżonn ta’ waħda jew aktar proċeduri kirurġiċi ta’ affermazzjoni tal-ġeneru, għal oħrajn il-pariri jew it-terapija bl-ormoni huma biżżejjed. M’hemm l-ebda ħaġa bħal dik it-trajettorja ‘t-tajba’ li l-persuni trans jridu jgħaddu minnha fit-tranżizzjoni tagħhom.

Ir-riċerka wriet li l-hekk imsejħa ‘terapiji ta’ riparazzjoni’, bil-għan li l-persuna trans taċċetta l- ġeneru tagħha assenjat mat-twelid, mhumiex effettivi biex inaqqsu d-dwejjaq (Drescher, 2013). Barra minn hekk, din it-tip ta’ prattika issa hija wkoll mhux meqjusa bħala etika u ġiet ipprojbita f’Malta permezz tal-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru u l-Espressjoni tal-Ġeneru (CAP 567) u ġiet ikklassifikata b’mod ġenerali bħala tortura jew trattament krudili jew inuman fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Min-naħa l-oħra, Il-proċeduri u l-protokolli mediċi li qed jintużaw bħalissa għal pariri psikosoċjali u trattament ta’ affermazzjoni tal-ġeneru, urew li huma effettivi ħafna biex iżidu l-benessri ta’ persuni trans li jixtiequ jirċievu trattament mediku (WPATH, 2008). Tista’ ssib dan fl-Istandards tal-Kura tal-Assoċjazzjoni Professjonali Dinjija għas-Saħħa Transġeneru (WPATH).

Referenzi: