It-trattament ormonali jeżerċita effett importanti fuq il-kompożizzjoni tal-ġisem, fejn b’mod ġenerali kun hemm żieda fil-massa tax-xaħam u tnaqqis fil-massa tal-muskoli tidher f’persuni trans li jieħdu trattamenti bl-estroġenu u tnaqqis fil-massa tax-xaħam u żieda fil-massa tal-muskoli f’ persuni trans li jieħdu trattamenti tat-testosterone. Dawn il-bidliet, kif ukoll l-effetti diretti tat-trattament ormonali, jista’ jkollhom influwenza fuq il-metaboliżmu taz-zokkor fid-demm. Minbarra l-effetti tat-trattament ormonali, fatturi oħra assoċjati mat-tranżizzjoni, bħal bidliet fid-dieta u l-eżerċizzju, għandhom ukoll rwol importanti.

L-effetti tat-trattament ormonali fuq il-metaboliżmu taz-zokkor fid-demm, ir-riskju li tiżviluppa d-dijabete u l-effett fuq il-kontroll tad-dijabete għadhom mhumiex magħrufa sew.

Studji dwar l-effetti tat-trattament bl-estroġenu fuq is-sensittività għall-insulina wrew tnaqqis fis-sensittività għall-insulina (Elbers et al., 2003; Wierckx et al., 2014). Fost dawk li jieħdu testosterone, studji (Wierckx et al., 2014) sabu titjib fil-parametri tas-sensittività għall-insulina, xi wħud (Elbers et al., 2003) ma sabu l-ebda effett, filwaqt li oħrajn (Polderman et al., 1994) sabu tnaqqis. Ir-riżultati differenti fl-istudji jistgħu jkunu wkoll minħabba, fost affarijiet oħra, differenzi fil-popolazzjonijiet, it-tul ta’ segwitu u t-tip ta’ trattament ormonali.

Dawn il-bidliet fis-sensittività għall-insulina f’nies trans li jkunu għaddejjin minn trattament ormonali li jaffermaw l-ġeneru ma jidhrux li jwasslu għal inċidenza akbar tad-diabetes mellitus fi żmien qasir (Wierckx et al., 2014). Studju tal-każijiet fil-Belġju (Wierckx et al., 2013) wera żieda fil-prevalenza għad-diabetes mellitus Type 2 meta mqabbel mal-popolazzjoni Belġjana, iżda dan ma ġiex ikkoreġut għal fatturi li jżidu r-riskju għall-iżvilupp tad-dijabete. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm ukoll parzjalità fil-mod ta’ kif sar l-iscreening.

L-effetti tat-terapija ormonali fuq it-trattament tad-dijabete f’pazjenti transġeneru għadhom ma ġewx studjati. Minħabba l-effetti possibbli tat-terapija ormonali fuq il-metaboliżmu taz-zokkor, huwa rrakkomandat li jiġi pprovdut segwitu bir-reqqa. Barra minn hekk,il-metaboliżmu taz-zokkor li hu kkontrollat tajjeb huwa wkoll importanti ħafna fil-kura li tingħata qabel u wara l-kirurġija biex jiġi ottimizzat il-fejqan tal-feriti u biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni.

A doctor showing a patient a syringe used to inject insulin
Photo: The Gender Spectrum Collection

Referenzi:

  • ​Elbers JM, Giltay EJ, Teerlink T, Scheffer PG, Asscheman H, Seidell JC & Gooren LJ. Effects of sex steroids on components of the insulin resistance syndrome in transsexual subjects. Clinical Endocrinology 2003; 58 562–571.
  • Polderman KH, Gooren LJ, Asscheman H, Bakker A, Heine RJ. Induction of insulin resistance by androgens and estrogens. J Clin Endocrinol Metab 1994 79: 265-271
  • Wierckx K, Elaut E, Declerq E, Heylens G, De Cuypere G, Kaufman JM, T’Sjoen G. Prevalence of cardiovascular disease and cancer during cross-sex hormone therapy in a large cohort of trans persons: a case control study. Eur J Endocrinol 2013; 169: 471-478.
  • Wierckx K, Van Caenegem E, Schreiner T, Haraldsen I, Fisher A, Toye K, Kaufman JM, T’Sjoen G 2014 Cross-sex hormone therapy is safe and effective at short-time follow-up: results from the European Network for the Invesitgation of Gender Incongruence. J Sex Med. 2014; 11 (8): 1999-2011.