Approwċ ġenerali għall-iscreening għall-kanċer fost persuni transġeneru

Nafu mil-letteratura medika li ‘m’hemm l-ebda evidenza soda dwar jekk hemmx riskju akbar jew le għal persuni trans fuq trattament ormonali li jiżviluppaw il-kanċer aktar minn kwalunkwe grupp ta’ nies ieħor ’. Madankollu, dan il-kunċett żbaljat jippersisti. L-istudji eżistenti huma pjuttost żgħar u naturalment iridu jiġu nterpretati b’kawtela. Dejta onkoloġika f’irġiel trans u persuni mhux binarji assenjati nisa mat-twelid hija limitata għal ftit rapporti ta’ każijiet, miġbura fil-qosor reċentement: wieħed kanċer vaġinali, wieħed ċervikali, 7 każijiet tas-sider, 3 ta’ l-ovarji u wieħed endometrijali ġew deskritti sal-lum. Il-prevalenza ta’ kanċers sensittivi għall-ormoni waqt it-trattament ormonali tidher li hija baxxa fost in-nisa trans u dawk mhux binarji assenjati irġiel mat-twelid (Braun et al, 2017).

Meta ssir screening għall-kanċer, huwa importanti li jsiru eżamijiet u testijiet ibbażati fuq liema organi jew partijiet tal-ġisem għandha l-persuna. Bħala regola ġenerali, nistgħu ngħidu li jekk individwu ikollu parti speċifika tal-ġisem jew organu u jissodisfa l-kriterji għall-iscreening ibbażat fuq fatturi ta’ riskju jew sintomi, dan l-iscreening irid isir, irrispettivament minn jekk il-persuna tkunx qed tuża l-ormoni. Se niddiskutu ftit kanċers ormonali speċifiċi hawn.

Kanċer tas-sider

Il-kanċer tas-sider ġie rreġistrat f’nisa transġeneru, iżda dan huwa relatat ma’ numri baxxi ħafna. Minn riċerka estensiva nafu li r-riskju ta’ kanċer tas-sider għal nisa trans jew persuni mhux binarji li jieħdu ormoni tal-estroġenu huwa baxx daqs li kieku l-persuna ma kinitx qed tieħu trattamenti ormonali, simili għar-riskju tal-irġiel cisgender. S’issa, il-letteratura medika kienet tassew ta’ serħan il-moħħ u kkonkludiet li r-riskju li tiżviluppa kanċer tas-sider jista’ jkun inqas minn dak fil-popolazzjoni femminili mhux transġeneru. L-iscreening tal-kanċer tas-sider għal nisa trans jew persuni mhux binarji li jkunu qed jieħdu trattament bl-ormoni tal-estroġenu huwa l-aħjar li jibqa’ jsir bl-istess frekwenza bħal nisa oħra fuq trattament ormonali għal bosta snin. Mammografija tista’ tintuża bħala metodu ta’ screening.

Għal irġiel trans u persuni mhux binarji assenjati nisa mat-twelid li ma jkunux għaddew minn kirurġija fis-sider jew li jkollhom biss tneħħija parzjali tas-sider, il-miżuri ta’ screening għan-nisa cisgender jibqgħu japplikaw. B’mod ġenerali l-iscreening tas-sider wara l-mastektomija ma jsirx, iżda fit-teorija, rest tissue huwa possibbli. F’ każ ta’ inkwiet jew ilmenti, aktar investigazzjoni huwa rrakkomandat, speċjalment f’każijiet fejn hemm prevalenza ġenetika/familjari ta’ kanċer tas-sider.

Kanċer tal-prostata u tat-testikoli

Fir-rigward tal-kanċer tal-prostata, hemm xi każijiet magħrufa fejn nisa trans fuq terapija bl-ormoni ġew affettwati. Fil-prinċipju, it-trattament kontra l-androġenu u t-trattament bl-estroġenu huma protettivi kontra l-kanċer tal-prostata. Għalhekk huwa maħsub li l-każijiet ta’ kanċer tal-prostata deskritti kienu diġà preżenti qabel ma beda t-trattament ormonali. It-tabib li jeżamina l-pazjent għandu dejjem ikun konxju tal-potenzjal għall-kanċer tal-prostata f’nisa transġeneru u nies mhux binarji assenjati rġiel mat-twelid, anki jekk ikunu għaddew minn kirurġiji. Riċerka mill-Isptar Universitarju ta’ Ghent fuq 50 mara trans ikkonkludiet li la kien hemm raġunijiet kliniċi u lanqas ibbażati fuq ultrasound biex jissuspettaw patoloġija tal-prostata.

Fil-letteratura hemm każ wieħed biss magħrufa ta’ mara trans b’kanċer testikolari. Il- probabbiltà hija li s-soppressjoni tal-androġeni tnaqqas ir-riskju tal-kanċer testikolari. L-ittestjar rutina tat-testikoli mhuwiex speċifikament meħtieġ għan-nisa transġeneru u persuni mhux binarji li għandhom it-testikoli u jkunu taħt trattament ormonali.

Il-kanċer taċ-ċerviċi, tal-endometriju u tal-ovarji

Irġiel transġeneru u nies mhux binarji assenjati nisa fit-twelid li għandhom ċerviċi għandhom riskju li jiżviluppaw kanċer ċervikali, irrispettivament minn jekk ikunux qed jieħdu terapija b’testosterone. Dan huwa t-tielet l-aktar kanċer frekwenti globalment. Dan il-kanċer ġeneralment ikun ikkawżat minn infezzjoni bil-virus tal-papilloma umana. Xi kultant jista’ jkun sfida biex l-ismear test jiġi mwettaq. Dan jista’ jirriżulta mir-relazzjoni tal-persuna trans ma’ ġisimha, minn ostilità/preġudizzju/nuqqas ta’ għarfien li ssib ħafna drabi f’dawn is- sitwazzjonijiet jew minħabba li waqt l-użu tat-terapija bit-testosterone, l-vaġina ssir aktar xotta jew aktar fraġli u l-eżamijiet interni jikkawżaw l-uġigħ. Huwa rakkomandat relazzjoni speċifika ta’ fehim u fiduċja mat-tabib. Li tieħu tilqim kontra l-HPV minn età żgħira tnaqqas ir-riskju li tiżviluppa kanċer ċervikali, orali u anali. It-tilqim f’età akbar m’għandu l-ebda effett ippruvat. Appuntamant biex issir smear ċervikali jista’ jsir permezz ta’ tabib jew ġinekologu jew permezz tal-Gender Wellbeing Clinic.

Irġiel transġeneru u persuni mhux binarji assenjati nisa mat-twelid li ma jkunux għaddew minn tneħħija tal-utru (isterektomija) għandhom ir-riskju li jiżviluppaw kanċer tal-endometriju, iżda ċ-ċans ta’ dan huwa estremament żgħir. M’hemm l-ebda linji gwida speċifiċi biex isir screening ta’ rutina. Fil-każ ta’ demm vaġinali mhux mistenni meta qed jingħata trattament ta’ testosterone, trid issegwi b’check-up ġinekoloġiku, speċjalment jekk il-mestrwazzjoni kienet waqfet qabel u d-demm reġa’ beda. Xi pazjenti b’kanċer tal-ovarji ġew irreġistrati wkoll, iżda bħal issa m’ hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-irġiel trans jew persuni mhux binarji assenjati nisa mat-twelid taħt trattament ta’ testosterone għandhom riskju akbar li jiżviluppaw kanċer tal-ovarji.

Referenzi:

  • ​Braun H., Nash R., Tangpricha V., Brockman J., Ward K., & Goodman M. 2016. Cancer in Transgender People: Evidence and Methodological Considerations. Epidemiol Rev 2017; 39: 93–107.