Fl- akbar studju Ewropew sal-lum, il-persuni trans irrappurtaw kurżità mhux xierqa fis-servizzi tal-kura tas-saħħa, filwaqt li ħassew li ġew injorati l-ħtiġijiet trans-speċifiċi, li l-persunal ipprova jipperswadihom jagħmlu test mediku jew psikoloġiku, li ġew ittrattati b’mod mhux ugwali mill-persunal mediku, li ma fittxewx trattament minħabba biża’ ta’ diskriminazzjoni u reazzjonijiet intolleranti u li sabu diffikultajiet fl-aċċess għall-kura tas-saħħa (FRA, 2020). Ħafna persuni trans jesperjenzaw ukoll biża’ u mistħija meta jista’ jkun involut eżami fiżiku matul żjara medika. 22% ta’ persuni trans li wieġbu għall-istħarriġ FRA LGBTI II, li ġie ppubblikat fl-2020, irrappurtaw li ħassewhom diskriminati meta użaw il-kura tas -saħħa jew is-servizzi soċjali f’Malta.
Ħafna drabi ma jinħolqux esperjenzi negattivi fil-kura tas-saħħa ta’ persuni trans minħabba l-malizzja ta’ min jieħu ħsiebhom iżda pjuttost minn nuqqas ta’ għarfien partikolarment dwar kwistjonijiet transġeneru. It-TGEU Trans Health Survey (2017) sab li 35.5% biss tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa rċevew xi taħriġ dwar il-ħidma ma’ persuni trans. Ħafna drabi ma jkun hemm l-ebda politika jew protokolli fis-seħħ. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet it-tabib tal-familja, il-psikologu jew il-psikjatra jridu jgħinu lill-klijenti transġeneru, iżda ftit li xejn għandhom informazzjoni dwar is-suġġett (Motmans, Wyverkens, & Defreyne, 2017). L-għarfien u l-iżviluppi tar-riċerka fir-rigward ta’ dan is-suġġett għadhom tabilħaqq pjuttost ġodda u hija eċċezzjoni aktar milli r-regola meta suġġetti transġeneru jiġu inklużi fil-kurrikulu tal-istituzzjonijiet edukattivi tal-fornituri tal-kura tas-saħħa.
L-esperjenzi negattivi numerużi ta’ persuni trans mal-persunal tal-kura tas-saħħa għandhom influwenza estensiva fuq il-persuna. Ħafna persuni trans min-naħa tagħhom jevitaw li jfittxu servizzi tal-kura tas-saħħa u se jżuru prattikant tas-saħħa biss f’każijiet serji ħafna jew wara żmien twil li jesperjenzaw tbatija mentali u/jew fiżika (Burgwal & Motmans, 2021). Dan mhux biss għandu konsegwenzi serji fuq is-saħħa fiżika tagħhom, iżda jista’ jikkawża wkoll diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Għal numru ta’ persuni trans, esperjenza negattiva mal- personal tal-kura tas-saħħa tista’ saħansitra tkun trawmatika. Dan ikompli jikkomplika l-aċċess tagħhom għall-kura tas-saħħa kemm ġenerali kif ukoll għal dik trans-speċifika.
Referenzi:
Burgwal, A., & Motmans, J. (2021). Trans and gender diverse people’s experiences and evaluations with general and trans-specific healthcare services: a cross-sectional survey. International Journal of Impotence Research.