Persuni trans ta’ spiss iridu jaċċessaw trattament ormonali. It-trattament bl-ormoni huwa possibbli mill-pubertà ‘l quddiem – meta jitqiesu l-istadju tal-iżvilupp tal-pubertà, il-maturazzjoni emozzjonali u l-abbiltà li jingħata kunsens liberu u infurmat. Adolexxenti transġeneru iżgħar jistgħu jibdew imblokkaturi tal-pubertà biex jimpedixxu l-iżvilupp ta’ karatteristiċi sesswali sekondarji mill-bidu ta’ Tanner stadju 2, iżda dan huwa possibbli biss bil-kunsens tal-ġenituri u jekk ikollhom il-kapaċità kollha meħtieġa biex jagħtu kunsens infurmat.

It-terapija bl-ormoni tista’ tiġi aċċessata b’wieħed minn żewġ modi: privatament, bl-ispejjeż imħallsa mill-klijent stess u b’riċetta ta’ tabib/endokrinologu, jew fuq is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa (Skeda V) permezz tal-Gender Wellbeing Clinic.

Meta jinbeda t-trattament ormonali, l-endokrinologu (speċjalista tal-ormoni) huwa involut fis-superviżjoni tat-tranżizzjoni. Valutazzjoni ma’ psikologu tat-tfal biex tiġi ddeterminata l-kapaċità li tingħata kunsens infurmat hija wkoll parti minn dan il-proċess għat-tfal taħt is-16-il sena. L-endokrinologu jiċċekkja l-livelli attwali tal-ormoni u jiggwida lill-pazjent biex jieħu deċiżjoni korretta u sigura għat-trattament ormonali.

Għal individwi li qed ikomplu trattament bl-ormoni li jkunu bdew barra mill-pajjiż jew permezz ta’ mezzi informali, hija meħtieġa żjara inizjali fil-Gender Wellbeing Clinic biex jirċievu kopertura permezz tal-intitolament għall-kura tas-saħħa b’xejn (meta disponibbli). Dan il-proċess huwa ġeneralment mgħaġġel għal dawk li diġà għaddejjin minn terapija bl-ormoni. Xi preparazzjonijiet tal-ormoni disponibbli barra minn Malta jistgħu ma jkunux disponibbli f’Malta.

Il-pjan għas-segwitu tat-trattament ormonali huwa żviluppat fuq bażi individwali skond il- każ u jista’ jinkludi appuntamenti ta’ segwitu mal-Gender Wellbeing Clinic jew tabib ġenerali. Kura ta’ segwitu tinkludi valutazzjoni medika bħad-densitometrija tal-għadam, il-pressjoni tad-demm u tal-BMI u investigazzjonijiet tad-demm, kif ukoll valutazzjoni tal-benessri psikosoċjali u sesswali tal-klijent.

It-trattament ormonali li jafferma l-ġeneru huwa terapija sigura u effettiva. Ġie assoċjat +ma’ tnaqqis fil-psikopatoloġija, sintomi depressivi u problemi oħra fil-ġisem (Fisher at al., 2016). Madankollu, qabel ma jinbeda trattament ta’ GnRHa, anti-androġeni u/jew estroġeni, jew trattament ta’ proġestoġen u/jew testosterone, it-tabib li jippreskrivi l-ormoni jeħtieġ li jeżamina għal kundizzjonijiet li jistgħu jmorru għall-agħar b’dawn it-trattamenti (T’Sjoen et al., 2019).

Imblokkaturi tal-pubertà

Is-soppressjoni tal-ormoni tal-pubertà fl-adolexxenti trans l-aħjar li tinbeda wara li juru l-ewwel bidliet tal-pubertà tagħhom (stadju Tanner G2) u jkollhom kapaċità suffiċjenti biex jagħtu kunsens infurmat (T’Sjoen et al., 2019). Fl-adolexxenti li jixtiequ trattament bl-ormoni feminizzanti, huwa rakkomandat li tuża l-induzzjoni tal-pubertà b’17beta-estradiol, ħafna drabi billi tuża skeda ta’ doża li tiżdied gradwalment; filwaqt li fl-adolexxenti li jixtiequ kura bl-ormoni maskilizzanti, l-induzzjoni tal-pubertà bit-testosterone hija rakkomandata, ħafna drabi billi tuża skeda ta’ doża li tiżdied gradwalment (T’Sjoen et al., 2019). Qabel kwalunkwe intervent ormonali, it-tabib li jippreskrivi l-ormoni għandu jiddiskuti l-effetti tat-trattament u l-possibbiltà ta’ effetti ħżiena fuq is-saħħa, tal-GnRHa, anti-androġeni u/jew trattament ta’ estroġenu u/jew trattament ta’ testosterone, inklużi għażliet ta’ preservazzjoni tal-fertilità u konsegwenzi tal-kirurġija ġenitali, ibbażati fuq l-għanijiet tal-persuna. (T’Sjoen et al., 2019).

A doctor showing a patient a syringe used to inject testosterone
Photo: The Gender Spectrum Collection​

Irġiel trans u nies oħra trans u mhux binarji li jieħdu testosterone

L-aħjar amministrazzjoni ta’ testosterone, meta tamministra doża sħiħa, tipprova timita l-livelli ormonali tal-irġiel żgħażagħ cisgender. L-għan huwa li tiġi żviluppata konċentrazzjoni ta’ testosterone fid-demm li taqa’ fil-medda ‘normali’ għall-irġiel cisgender. Trattament ta’ testosterone jista’ jikkonsisti f’pelits subdermali, garżi dermali, ġel topiku u/jew injezzjonijiet. Esteri ta’ testosterone li jistgħu jiġu injettati għandhom frekwenza varjabbli għall-injezzjoni, li jvarjaw minn 1 sa 12-il ġimgħa bejn id-dożi. F’Malta, l-aktar metodu komuni ta’ amministrazzjoni ta’ testosterone huwa permezz ta’ injezzjonijiet ġol-muskolu- testosterone enanthate, doża waħda kull 3 sa 4 ġimgħat, jew testosterone undecanoate doża waħda kull 10 sa 12-il ġimgħa. Dawn l-injezzjonijiet jistgħu jew jingħataw mill-infermiera tal-Kura tas-Saħħa Primarja fil-kamra tat- trattamnet taċ-Ċentri tas-Saħħa, jew minn tabib jew infermier magħżul mill-persuna fis-settur privat.

Persuni trans li jieħdu testosterone għandhom ikunu infurmati dwar l-effetti li ġejjin: żieda fix-xagħar tal-wiċċ u tal-ġisem, żieda fil-lean mass (id-differenza bejn il-piż totali tal-ġisem u l-piż tax-xaħam tal-ġisem) u fis-saħħa, tnaqqis fil-massa tax-xaħam, żieda fil-profondità tal-vuċi, żieda fix-xewqa sesswali, waqfien tal-mestrwazzjoni, tkabbir tal-klitoris u tnaqqis fid-disforija tas-sess kif ukoll fil-perċezzjoni ta’ stress, ansjetà, u dipressjoni (Irwig, 2016).

Tipikament, il-mestrwazzjoni tieqaf wara ftit xhur ta’ trattament b’testosterone. Għalkemm mhux okkorrenza komuni, il-mestrwazzjoni tista’ tippersisti waqt it-trattament tat-testosterone. F’dan il-każ, waħda mill-għażliet hija li l-klijent jieħu l-mini pill fuq bażi kontinwa (jiġifieri mingħajr waqfien), biex iwaqqaf temporanjament iċ-ċiklu.

Meta jingħata testosterone, tibda żieda irriversibbli fil-profondità tal-vuċi wara 6 ġimgħat sa 3 xhur. Id-distribuzzjoni tax-xaħam taħt il-ġilda tinbidel (eż. mill-ġenbejn għall-istonku). Il-ġilda ssir aktar ħarxa u żejtnija u jista’ jkun hemm anke l-akne. Il-mestrwazzjoni normalment tieqaf kompletament. Ix-xewqa sesswali tiżdied u l-klitoris tikber (sa ċertu punt). Il-massa u s-saħħa tal-muskoli jiżdiedu wkoll. Wara xi żmien, jistgħu jseħħu tkabbir tad-daqna u xagħar tal-ġisem (jew żidiet tax-xagħar tal-ġisem), skont il-ġenetika tal-persuna. Jekk il-ġenetika tal-persuna jkollha tendenza għal dan, tista’ wkoll titlef ix-xagħar tar-ras. Isseħħ xi atrofija tas-sider, li tagħmel is-sider jidhru daqsxejn aktar dgħajfa u iżgħar minħabba telf ta’ xaħam jew ridistribuzzjoni.

Xi irġiel trans jesperjenzaw ukoll effetti sekondarji psikoloġiċi negattivi bħal żieda fl-irritabilità. L-estent u l-veloċità li biha tinbidel il-ġisem huma differenti minn persuna għal oħra u huma wkoll determinati ġenetikament. It-tul mhuwiex affettwat f’persuni adulti.

Taħt l-influwenza tat-trattament ormonali bit-testosterone, l-ovulazzjoni tipikament ma tibqax isseħħ, iżda t-testosterone ma jistax jitqies bħala kontraċezzjoni, għaliex xorta jista’ jkun possibbli li toħroġ tqila. Hekk kif tieqaf it-trattament b’testosterone, iċ-ċiklu jerġa’ jibda (bil-mod), peress li l-ovarji u t-tubi fallopjani għadhom preżenti. F’każ ta’ tqala, it-trattament b’testosterone għandu jiġi interrott għal mill-inqas sena bi tħejjija għal din it-tqala. Fil-każ ta’ tqala mhux mistennija waqt li tieħu t-testosterone, dan għandu jitwaqqaf immedjatament għas-saħħa tal-fetu. Huwa biss wara t-tneħħija kirurġika ta’ l-utru u l-ovarji li l-infertilità hija definittiva.

Xi persuni trans assenjati nisa mat-twelid jagħżlu dożi baxxi ta’ testosterone; għal xi wħud doża baxxa hija biss biex tibda u għal oħrajn din hija deċiżjoni fit-tul. Doża baxxa ta’ testosterone fl-aħħar mill-aħħar twassal għall-istess riżultati fiżiċi irriversibbli, biss fuq skeda ta’ żmien itwal. Hija aktar probabbli li l-mestruwazzjoni tkompli fuq doża aktar baxxa. L-effetti fit-tul, inkluż fuq il-fertilità, għadhom mhumiex stabbiliti sew.

It-terapija b’testosterone hija meqjusa bħala trattament sigur tul il-ħajja għal persuni trans li jistgħu jibdew matul il-pubertà u jkun għadu possibbli li jkomplu anke fil-menopawsa. Hemm biss ftit sitwazzjonijiet mediċi meta ma jingħatax it-testosterone. Attenzjoni żejda hija meħtieġa għal problemi eżistenti tal-funzjoni tal-fwied, minħabba li t-testosterone jista’ jaggravahom u jwassal għal aktar kumplikazzjonijiet. L-obeżità severa, id-dijabete u l-iperkolesterolemija għandhom jiġu diskussi u mmonitorjati qabel ma tinbeda t-trattament b’testosterone, b’segwitu adegwat; appuntamenti ta’ segwitu aktar frekwenti jistgħu jkunu xierqa f’dawn il-każijiet. Madankollu, id-dewmien tal-aċċess għat-testosterone għandu jiġi minimizzat kemm jista’ jkun biex jiġi żgurat li s-saħħa mentali tal-persuna trans ma tkunx kompromessa. Huwa importanti li jiġi mmonitorjat in-numru ta’ ċelluli ħomor tad-demm minħabba li doża ta’ testosterone li hija għolja wisq tista’ tikkawża il-produzzjoni żejda tagħhom. Dan iżid ir-riskju ta’ trombożi. Għandha tingħata iżjed attenzjoni fl-għoti ta’ testosterone jekk il-persuna tiġi identifikata bil-kondizzjoni ta’ apnea waqt l-irqad.

Nisa trans u persuni oħra trans u mhux binarji li jieħdu l-estroġenu

It-trattament ormonali f’persuni trans u dawk mhux binarji li qed jieħdu l-estroġenu ġeneralment jikkonsisti kemm f’medikazzjoni li tinibixxi l-produzzjoni ta’ testosterone, kif ukoll l-estroġeni. L-inibizzjoni tal-produzzjoni tat-testosterone hija meħtieġa biss għal persuni transġeneru qabel kirurġija ġenitali jew għal dawk li ma jixtiequx jagħmluha, minħabba li wara l-orkiectomija, is-sors ewlieni tal-produzzjoni tat-testosterone (it-testikoli) m’għadux preżenti. Wara l-gonadektomija, estroġeni tul il-ħajja huma meħtieġa jekk ma jkunx hemm kontraindikazzjonijiet. Mhix magħrufa età speċifika li fiha trid titnaqqas id-doża jew fejn l-estroġeni għandhom jiġu interrotti. L-istatus tas-saħħa ġenerali se jkun il- fattur deċiżiv f’dawn il-każijiet.

L-anti-androġeni jinibixxu l-produzzjoni tat-testosterone u/jew jimblokkaw ir-riċettur tat-testosterone. L-effetti mixtieqa jistgħu jinkludu tnaqqis tax-xewqa sesswali (inqas erezzjonijiet spontanji), inqas xagħar tal-ġisem u waqfien tal-proċess tat-traqqiq tax-xagħar. Effetti sekondarji rrappurtati huma għeja, nuqqas ta’ enerġija jew entużjażmu, dgħjufija fil-muskoli u infertilità. Madankollu, it-trattament ormonali m’għandux jitqies bħala forma adegwata ta’ kontraċezzjoni.

L-estroġeni jrażżnu wkoll il-produzzjoni tat-testosterone u jwasslu għat-tnaqqis fix-xagħar tal-ġisem u tal-wiċċ, tnaqqis fil-massa tal-muskoli, tkabbir tas-sider u ridistribuzzjoni tax-xaħam (Tangpricha & den Heijer, 2017). It-tul ma jinbidilx fl-adulti. Il-vuċi ma tiġix affettwata u spiss tintuża t-terapija tad-diskors biex tgħin f’dan l-aspett. Ħafna drabi jkun hemm ukoll effett limitat biss fuq it-tkabbir tad-daqna. L-epilazzjoni bil-lejżer jew bl-elettriku jistgħu mbagħad ikunu meħtieġa. Ix-xagħar f’żoni oħra tal-ġisem normalment jirrispondi aħjar għat-trattament. L-aktar effett sekondarju komuni ta’ l-estroġeni huwa ż-żieda fir-riskju ta’ trombożi (emboli tad-demm). Parir mill-endokrinologu huwa rakkomandat. L-emboli tad-demm iseħħu primarjament f’nies li jpejpu.

Xi persuni trans assenjati irġiel mat-twelid jagħżlu dożi baxxi ta’ estroġenu; għal xi wħud doża baxxa hija biss biex tibda u għal oħrajn din hija deċiżjoni fit-tul. Doża baxxa ta’ estroġenu fl-aħħar mill-aħħar twassal għall-istess riżultati fiżiċi irriversibbli, biss fuq skeda ta’ żmien itwal. L- abbiltà li jkompli jkollok erezzjoni hija aktar probabbli fuq doża aktar baxxa. L-effetti fit-tul, inkluż fuq il-fertilità, għadhom mhumiex stabbiliti sew.

Xi nies għandhom riskju akbar ta’ kumplikazzjonijiet minħabba l-estroġeni u għalhekk m’għandhomx jużaw mediċini bħal dawn. L-estroġeni huma assolutament ipprojbiti f’każ ta’ pressjoni tad-demm għolja ħafna, riskju magħruf ta’ trombożi, każijiet ta’ emorraġija ċerebrali u mard sever tal-fwied. F’dawn il-każijiet imbagħad trid tinstab soluzzjoni f’konsultazzjoni mal-ispeċjalista tal-koagulazzjoni (ematologu). Meta tuża l-estroġeni, dejjem ikun hemm riskju żgħir ħafna ta’ kanċer tas-sider, speċjalment jekk il-persuna trans għandha storja familjari ta’ dan. Awto-eżami ta’ kull xahar huwa essenzjali u mammografija hija rakkomandata bħal ma hu l-każ f’nisa cisgender. L-istess bħal persuni trans li qed jieħdu t-testosterone, ibbażat fuq tagħrif mediku tal-preżent, it-trattament ormonali għal persuni trans m’għandux riskju akbar ta’ mortalità jew kanċer meta mqabbel mal-bqija tal-popolazzjoni.

Referenzi:

  • Fisher, A. D., Castellini, G., Fanni, E., Casale, H., Amato, A. L., Maseroli, E., . . . Maggi, M. (2016). Cross-sex hormone treatment and psychobiological changes in transsexual persons: 2-years follow-up data. Journal of Sexual Medicine, 13(5), S84-S85. doi:10.1016/j.jsxm.2016.03.014
  • Irwig, M. S. (2017). Testosterone therapy for transgender men. The Lancet Diabetes & Endocrinology, 5(4), 301-311. doi:10.1016/S2213-8587(16)00036-X
  • Tangpricha, V., & den Heijer, M. (2017). Oestrogen and anti-androgen therapy for transgender women. The lancet. Diabetes & endocrinology, 5(4), 291-300.