Malta tippermetti rikonoxximent legali tal-ġeneru permezz tal-Att tal-2015 dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess. L-Att jintroduċi dritt għall-identità tal-ġeneru għaċ-ċittadini kollha ta’ Malta u jintitolahom għal:

  • ir-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru tagħhom;
  • l-iżvilupp liberu tal-persuna tagħhom skont l-identità tal-ġeneru tagħhom;
  • li jiġu ttrattati skont l-identità tal-ġeneru tagħhom u
  • li jkunu identifikati b’dak il-mod fid-dokumenti tal-identità tagħhom u
  • l-integrità tal-ġisem u l-awtonomija fiżika

L-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess jippermetti r-rikonoxximent legali tal-ġeneru ta’ persuni bbażat fuq l-awtodeterminazzjoni u l-integrità tal-ġisem. Għal ħafna persuni li għandhom minn 16-il sena ‘l fuq, dan jinvolvi dikjarazzjoni sempliċi quddiem nutar, li mbagħad tiġi rreġistrata mar-Reġistru Pubbliku bħala att pubbliku. Id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku mbagħad jawtorizza l-bidliet fiċ-ċertifikat tat-twelid, li jwitti t-triq għal bidliet f’dokumenti oħra tal-identità bħal passaport, karta tal-identità u Liċenzja tas-Sewqan.

Persuni adottati li jfittxu li jibdlu l-ġeneru legali fuq iċ-ċertifikati tal-adozzjoni tagħhom huma meħtieġa jgħaddu mill-qrati.

Fir-rigward ta’ minorenni (ta’ inqas minn 16-il sena), il-ġenituri għandhom japplikaw lill-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja f’isem uliedhom. Id-digriet tal-qorti mbagħad jiġi sottomess lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku biex isiru l-bidliet fiċ-ċertifikat tat-twelid.

Il-liġi tistabbilixxi li ħadd m’għandu jkun meħtieġ li jipprovdi prova ta’ proċedura kirurġika għal riassenjazzjoni ġenitali totali jew parzjali, terapiji ormonali jew kwalunkwe trattament psikjatriku, psikoloġiku jew trattament mediku ieħor biex jagħmel użu mid-dritt tal-identità tal-ġeneru. Dan japplika wkoll għat-tfal għalkemm qorti tista’ titlob valutazzjoni biex tikkonferma li l-minuri huwa kapaċi jagħti kunsens infurmat.

Persuna tista’ taċċessa dispożizzjonijiet legali dwar ir-rikonoxximent tal-ġeneru anke jekk tkun miżżewġa u tkun tista’ temenda ċ-ċertifikat taż-żwieġ tagħha biex tirrifletti isimha u l-identità tal-ġeneru tagħha. L-ebda permess jew awtorizzazzjoni mill-konjuġi huma meħtieġa peress li l-identità tal-ġeneru titqies bħala d-dritt ta’ kull individwu.

L-Att jippermetti wkoll ir-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru ta’ persuni li ngħataw protezzjoni internazzjonali taħt l-Att dwar ir-Refuġjati u għar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet barranin relatati ma’ ċittadini Maltin jew ċittadini ta’ pajjiżi oħra deċiżi minn qorti kompetenti jew awtorità responsabbli. Persuni f’detenzjoni jistgħu wkoll ikollhom l-identità tal-ġeneru tagħhom rikonoxxuta għall-perjodu tad-detenzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula quddiem nutar jekk ma jkollhomx aċċess għal dispożizzjonijiet legali regolari dwar ir-rikonoxximent tal-ġeneru.

Depatoloġizzazzjoni

Malta depatoloġizzat l-identitajiet trans permezz tal-ATT Nru LVI tal-2016 li emenda l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess. Dan ifisser li ma jistax ikun hemm dijanjosi peress li l-identità tal-ġeneru mhix meqjusa li tikkostitwixxi kundizzjoni medika jew tas-saħħa mentali. Il-leġiżlazzjoni tiżgura li d-depatoloġizzazzjoni ma timpedixxix l-aċċess għal servizzi tas-saħħa trans speċifiċi.

X Marker

Il-possibbiltà ta’ markar ‘X’ fuq il-Karta tal-Identità u l-Passaport ġiet introdotta f’Settembru 2017. Dan jagħti d-dritt liċ-Ċittadini Maltin biex ma jiddikjarawx il-ġeneru tagħhom fuq dawn id-dokumenti tal-Identità. Residenti barranin li f’pajjiżhom ikollhom aċċess għal markatur tal-ġeneru li mhuwiex ‘M’ jew ‘F’, se jkollhom ukoll ‘X’ fuq il-Karta ta’ Residenza tagħhom.