Malta ddepatoloġizzat l-identità tal-ġeneru u l-aċċess għall-kura transġeneru ma jeħtieġ l-ebda dijanjosi u huwa bbażat fuq il-prinċipji tal-awto-determinazzjoni u l-kunsens infurmat.

Il-biċċa l-kbira (64%) tal-persuni trans f’Malta rrappurtaw li saru konxji li s-sentimenti tagħhom dwar il-ġeneru tagħhom ma kinux jaqblu mal- ġeneru li ġew assenjati mat-twelid qabel l-età ta’ 15-il sena. 18% oħra rrealizzaw dan bejn l-età ta’ 15 sa 17-il sena u 11% oħra bejn it-18 u l-24 sena (FRA, 2020).

Ħafna (75%) għaddew mill-ewwel intervent biex jallinjaw ġisimhom ma’ l-identità tal-ġeneru tagħhom bejn l-etajiet ta’ 15 u 34 sena. 7% kienu iżgħar minn 14-il sena u 18% kienu akbar minn 35 sena (FRA, 2020).

Mhux il-persuni trans kollha jeħtieġu kura li tafferma l-ġeneru.

Persuni trans għandhom ikunu infurmati sew dwar l-għażliet differenti tat-trattament u l-appoġġ u għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu dak li għandhom bżonn. Wara li tkun infurmata dwar l-interventi konkreti (ħtieġijiet mediċi u riżultati) mill-ispeċjalista korrispondenti, il-persuna trans għandha tieħu deċiżjoni infurmata mingħajr l-ebda tip ta’ ħtieġa għal valutazzjoni jew dijanjosi psikoloġika jew psikjatrika preċedenti. Diversi aspetti tal-kura transġeneru huma possibbli, l-għażla hawnhekk hija personali ħafna.

Persuni trans jistgħu wkoll jiksbu dehra aktar maskili, femminili jew newtrali mingħajr kirurġija maġġuri jew terapija bl-ormoni bl-użu ta’ diversi mezzi jew tekniki.

Il-programm tal-kura transġeneru jipprovdi ħarsa ġenerali tal-passi kollha possibbli fil-proċess ta’ tranżizzjoni.

A trans woman meeting her doctor in the waiting room
Photo: The Gender Spectrum Collection