Fi Frar tal-2018, avviż legali introduċa ‘kundizzjonijiet relatati mal-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess’ fl-iskeda tal-intitolament tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa (NHS) (AL 44 tal-2018).
Sussegwentement tnediet konsultazzjoni biex jiġu żgurati l-aqwa servizzi tal-kura tas-saħħa għal dawn ir-raġunijiet u ġie adottat id-dokument ta’ politika dwar il-Kura tas-Saħħa Transġeneru (PDF).
Ġie stabbilit tim ewlieni kliniku multidixxiplinarju biex jieħu ħsieb il-ħtiġijiet ta’ persuni trans magħmul minn kliniċisti li diġà jaħdmu fi ħdan is-servizz tas-saħħa pubblika. Dan jikkonsisti f’persuni nominati minn kull waħda mill-ispeċjalitajiet mediċi li ġejjin: endokrinoloġija, uroloġija, ġinekoloġija, kirurġija kosmetika u psikjatrija flimkien ma’ ħaddiem soċjali magħżul, psikologu/i, professjonist imħarreġ fl-għoti ta’ pariri, terapista tal-familja, patologu tad-diskors u tal-lingwa u koordinatur tal-infermiera. Sabiex jiġi żgurat li t-tfal u l-adolexxenti wkoll jingħataw kura xierqa u biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-kura tal-adolexxenti, l-esperti pedjatriċi rilevanti wkoll jiffurmaw parti mit-tim. Dan it-tim qed jiġi mmexxi u appoġġjat minn speċjalisti fil-mediċina tas-saħħa pubblika fl-istadji tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tas-servizz.
Il-Gender Wellbeing Clinic bdiet topera u tipprovdi servizzi f’Novembru 2018 lil individwi identifikati bħala trans u dawk mhux binarji, permezz tat-tim multidixxiplinarju. Referenzi għall-Gender Wellbeing Clinic (doc) jistgħu jsiru permezz ta’ tabib ġenerali, psikologu/ professjonist imħarreġ fl-għoti ta’ pariri jew ħaddiem soċjali. [email protected]. Wieħed jista’ jagħżel li jimla l-Gender Wellbeing Clinic referral form onlajn.
Bħalissa l-Gender Wellbeing Clinic topera minn A3 Towers, Arcade Street, Raħal Ġdid. Il-klijenti kollha jeħtieġu appuntament.
L-ewwel punt ta’ kuntatt għall-klijenti huwa ġeneralment l-infermier speċjalizzat li jikkoordina l-kura tal-pazjent u jwettaq l-evalwazzjoni inizjali. Din l-intervista tfittex li tiġbor l-informazzjoni dwar ambjent, trobbija u kwalifiki li huma rilevanti, kwalunkwe interventi mediċi li diġà saru li jaffermaw il-ġeneru, storja medika rilevanti u fatturi psikosoċjali u s-servizzi li qed jiġu mfittxija permezz tal-klinika.
Il-klinika ssegwi l-istandards tal-Assoċjazzjoni Professjonali Dinjija għas-Saħħa Transġeneru (WPATH) adattati għall-qafas legali ta’ Malta u approwċ ibbażat fuq kunsens infurmat għall-kura.
Is-servizzi pprovduti mill-Gender Wellbeing Clinic fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa sal-lum jinkludu: Valutazzjoni Inizjali; Appoġġ Psiko-soċjali; Appoġġ għall-Familja; Preskrizzjoni tal-Ormoni u Segwitu minn Endokrinologu; Terapija tal-Vuċi; Kura psikjatrika; Appoġġ Ġinekoloġiku; Orkiektomija; Isterektomija u Preservazzjoni tal-Gameti.
Mhux koperti bħalissa huma: Vaginoplasty; Phalloplasty; Depilazzjoni tax-Xagħar u Kirurġija tal-wiċċ.